Il-Ministru Owen Bonnici fetaħ libell lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Il-Ministru Bonnici rrimarka li s-saltna tad-dritt titlob li meta xi ħadd joħloq malafama inġusta, dak li jkun ikollu dritt li jnaddaf ismu. Huwa stqarr: “Jason Azzopardi għoġbu li jżejjini b’ħafna aġġettivi illi fosthom tinkludi l-kelma kriminal. Jiena jidhirli li jien m’iniex kriminal, jiena għandi dritt li nnaddaf ismi minn dan it-tip ta’ diskors malafamanti u għalhekk jiena skont ir-regoli tar-rule of law mort il-Qorti sabiex issa jkun hemm deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrat, jekk hemm bżonn anki fl-appell dwar din il-malafama, kalunja li Jason Azzopardi għamel fil-konfront tiegħi.”
“Ħadd m’għandu dritt iħammiġġli ismi inġustament, wisq iżjed Jason Azzopardi li marbut miegħu għandu l-iskandlu tal-art tal-Lowenbrau”, tenna Dr. Bonnici.
Owen Bonnici qal li huwa dejjem żamm lura li jiftaħ libelli u kien kostrett iressaq l-ewwel libell tiegħu meta l-Partit Nazzjonalista allega li huwa ħabat bil-karozza meta kien xurban.
Wara l-Partit Nazzjonalista skuża ruħu u l-Ministru kien aċċetta l-apoloġija u rtira dak il-libell.
Il-Ministru Bonnici qal li quddiem dawn il-kummenti inġusti ma setax ma jagħmel xejn u għalhekk fetaħ libell kontra Jason Azzopardi.