Bil-Konferenza Ġenerali li se titlaqqa’ llum u l-votazzjoni li ssegwi, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qed itemm il-kampanja li mexxa fl-aħħar ġimgħat għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.
Fi stqarrija ntqal li bil-proġett poltiku msejjaħ Qrib Tiegħek, Owen Bonnici ta l-kelma tiegħu li l-kuntatt kontinwu mad-delegati u l-kumitati lokali se jkun it-timbru tat-tmexxija tiegħu. “F’Owen Bonnici l-attivisti u l-membri se jsibu Deputat Mexxej li jpoġġihom iktar fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Partit Laburista,” qalet l-istqarrija.
Fl-istess waqt Bonnici saħaq li l-għajta ta’ Qrib Tieghek twiegeb ghas-sejha li d-deputat Mexxej il-gdid ikun il-pont li jgib il-Partit Laburista eqreb lejn is-socjeta’.
“Kienet kampanja li laqqgħet lil Owen Bonnici mal-familji. Sema l-ideat u, għaliex le, il-weġgħat tagħhom. Dan huwa s-sabiħ tal-politika. Li tisma’ b’attenzjoni u taġixxi,” kompla jintqal.
Bonnici żied li b’20 proposta taħt 3 prioritajiet, se jassigura l-istabbiltá u d-dinjita biex il-Partit Laburista jkun iġġudikat mill-poplu fuq il-ħidma, ir-riżultati u l-pjani tiegħu, u mhux fuq kontroversji. “Xogħol il-Prim Ministru m’għandu jiġi mtappan minn ħadd u minn xejn,” qal Bonnici.
Se tkun tmexxija li ddaħħal aktar sinerġija bejn il-Partit Laburista u l-Gvern. Filwaqt li istituzzjonalment jibqgħu separati, l-id il-leminija tkun taf x’inhi tagħmel l-id ix-xellugija. Din ir-rabta twassal għal iktar koordinament, fost oħrajn biex jiġu indirizzati l-inġustizzji minghajr ma jinholqu ingustizzji godda.
Fuq kollox, se jkun Partit Laburista li jinsisti dejjem għal iktar ġustizzja soċjali. Owen Bonnici sostna li għex dan il-valur u issa se jwettqu għal ħaddieħor. Kull tifel u kull tifla f’pajjiżna għandhom jingħataw l-opportunita li jirnexxu. Huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin.
Fil-kampanja Qrib Tiegħek, il-Ministru Bonnici fisser pass pass kif se jwettaq dan il-proġett politiku. Mar fid-distretti kollha ta’ Malta u Għawdex, tkellem mal-irġiel u n-nisa, maż-żgħażagħ u l-veterani, mal-kunsilliera, l-ħaddiema u l-volontiera kollha tal-Partit Laburista.
Il-messaġġ kien wieħed. Flimkien magħkom, f’partit maghqud ponn wiehed, se nibnu l-pontijiet mal-gheruq taghna u kif ukoll mas-soċjeta’. Kienet din il-missjoni ta’ Joseph Muscat mal-ħatra tiegħu 8 snin ilu, u ssarfet fl-akbar fiduċja elettorali ta’ kull żmien. Issa
wasal il-pass li jmiss tal-ġenerazzjoni rebbieħa, u flimkien irridu nkompli nkabbru lill-Partit Laburista billi nikkonvinċu bl-ideat u bi stil li jaghmel sens fid-dinja tal-lum.
Il-kampanja tintemm hawnhekk. Il-ħidma qrib tiegħek għadha se tibda.