Is-Sindku ta’ Ħal Kirkop ħabbar li ġiet approvata l-applikazzjoni għal-outdoor gym f’Ħal Kirkop. Dan kien possibbli permezz tal-għajnuna finanzjarja tal-Multigas.
Is-Sindku Terence Agius stqarr ma’ one.com.mt li huwa sodisfatt li dan il-proġett ġie approvat. “Dan il-proġett ser igawdu minnhu r-residenti Koppin, speċjalment it-tfal u ż-żagħżagħ. Dan il-proġett ħadmu fuqu l-Kunsill preċedenti ta’ Ħal Kirkop, li ressqu l-proposta lil MultiGas li min-naħa tagħhom offrew l-għajnuna finanzjarja” stqarr is-Sindku.
Terence Agius spjega li l-Kunsill preżenti ħadem biex dan il-proġett jiġi implimentat.L-approvazzjoni tal-pjanta hija pass eqreb għal implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. Huwa appella lir-residenti biex ladarba l-proġett jitlesta, jassiguraw li jintuża tajjeb sabiex igawduh ġenerazzjonijiet oħra.