Fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni Relationships Are Forever, biex tingħata aktar għajnuna liż-żgħażagħ fil-komunità.
B’dan il-ftehim se jiġi żviluppat il-proġett “Our Journey Cards”, biex ikomplu jgħinu liż-żgħażagħ jgħixu ħajja aktar kuntenta u jkunu kapaċi jirriflettu u jagħmlu għażliet tajbin.
Dan il-proġett jagħti importanza wkoll lir-riżors uman, li huwa tant kruċjali fl-iżvilupp taż-żgħażagħ, fosthom lill-youth workers. Għalhekk, dan il-ftehim jinkludi wkoll iffinanzjar li jappoġġja lill-adulti li jaħdmu maż-żgħażagħ.
Julian Sant, li huwa wieħed mill-fundaturi ta’ Relationships Are Forever, spjega kif dawn il-cards se jgħinu liż-żgħażagħ isaħħu l-karattru u jibnu relazzjonijiet sinjifikanti ma’ ta’ madwarhom.
Sant spjega, “Dan ir-riżors se jgħin ħafna liż-żgħażagħ fil-ħajja tagħhom billi l-ewwel ħaġa ngħinuhom jesprimu l-emozzjonijiet li jkollhom imbagħad aħna nafu li fil-ħajja tagħna normali, għandna bżonn nieħdu ċertu deċiżjonijiet u l-idea ta’ dawn il-cards hija li jgħinuhom jirriflettu kif għandhom jieħdu dawn id-deċiżjonijiet għax nafu li għal kull deċiżjoni jkollok konsegwenza u bid-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, aħna nitgħallmu minn xulxin.”
Din is-sena, Jum iż-Żgħażagħ qed iġorr miegħu t-tema “Solidarjetà Interġenerazzjonali”, u dan il-proġett imur id f’id magħha, hekk kif il-cards jenfasizzaw il-valuri u l-prinċipji taż-żgħażagħ mal-adulti u anki l-anzjani.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, ħeġġet liż-żgħażagħ biex iħaddnu l-valur tas-solidarjetà lejn l-adulti.
Teuma rrimarkat, “Nafu li dan il-perjodu taż-żogħżija jġib miegħu turbulenzi fiż-żgħażagħ u l-idea li ż-żgħażagħ jiddjalogaw mal-adulti u mal-anzjani hija importanti għal soċjetà aħjar.”
Dan il-ftehim huwa ħolqa oħra fit-twettieq tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja adulta.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Clifton Grima, semma l-importanza tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u fakkar fl-irwol importanti taż-żgħażagħ fis-soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari fi ħdan l-istess Ministeru, Keith Azzopardi Tanti, tkellem dwar l-importanza taż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet, li jħallu impatt fuq l-għajxien u l-iżvilupp tagħhom. Intant, aktar informazzjoni dwar il-proġett li tnieda f’Jum iż-Żgħażagħ, tista’ tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku www.onourjourney.org.