“Ouija Board hija biċċa injama”.
Hekk sostna l-attur u l-organizzatur tal-attività ‘Dar il-Waħx’ Patrick Vella li spiċċa f’nofs kontroversja wara li l-Knisja waqfitlu l-attività tiegħu milli tiġi organizzata fil-kripta tad-Dumnikani l-Belt.
Fil-programm ONE Breakfast, dalgħodu Vella ġie mistoqsi jekk ma tkunx qed tilgħab man-nar meta toqgħod tuża affarijiet bħall-ouija board iżda dlonk hu wieġeb li din hi biċċa injama b’ħafna ittri fuqha u qal li kemm il-darba inti l-affarijiet ma tagħmilhomx bi skop ħażin m’għandekx għalfejn tinkwieta.
Fuq il-linja, il-preżentaturi tal-programm televiżiv ta’ filgħodu Wayne Sammut u Elaine Degiorgio kellhom lill-eżorċista Fr. Franco Fenech li saħaq kif il-Knisja kienet ħarġet digriet permezz tal-Kummissjoni fi ħdanha għall-Eżorċiżmu u kontra l-Okkult.
Qal li wieħed ma jistax jippretendi li l-Knisja taċċetta attivitajiet ta’ dan it-tip isiru fil-kripta tagħha.
Bl-organizzatur Patrick Vella qal li huwa jirrispetta d-deċiżjoni iżda qal li d-Dumnikani li kellhom jikrulu s-sala biex jagħmel l-attività bi flus kienu jafu minn Awwissu x’se jkollu hu waqt ‘Dar il-Waħx’.
Fr. Franco saħaq ukoll li n-nies dan l-aħħar saru iktar jistennew il-‘Halloween’ flok iċ-ċelebrazzjoni tal-qaddisin kollha u jfakkru l-erwieħ.
Intant ‘Dar il-Waħx’ issa se ssir kif pjanat fl-aħħar t’Ottubru u l-bidu ta’ Novembru fil-ħabs l-antik f’Kordin, Raħal Ġdid.
Intant segwi siltiet minn dak li ntqal dalgħodu f’ONE Breakfast: