Hekk kif għaddejjin ġmielhom il-preparamenti b’rabta mal-istaġun tal-opri, il-Ministeru għal Għawdex ħejja programm marbut ma’ dan il-ġeneru, mifrux fuq xahar sħiħ.
Waqt żjara fit-teatri ewlenin fil-Belt Victoria, il-Ministru Clint Camilleri segwa mill-qrib il-ħidma li tkun għaddejja minn wara l-kwinti, biex l-opra titella’ f’Għawdex, sena wara l-oħra
“Żorna , ix-xogħol li qed isir bil-preparamenti propju għal Opera is Gozo għal dan ix-xahar ta’ Ottubru li fih assoċjat propju mal-opri u ma’ dak kollu relatat propju mal-opra, però aktar minn hekk ukoll ser ikollna bħal kull sena żewġ opri kbar fiż-żewġ teatri kbar li għandna ġewwa il-belt Victoria, dak tal-Aurora u dak tal-Astra.”
CLINT CAMILLERI
L-attrazzjonijiet ewlenin marbuta ma’ dan il-programm ta’ din is-sena huma Il Trittico ta’ Giacomo Puccini li se tittella’ fit-Teatru tal-Opra Aurora fit-12 ta’ Ottubru, u Giovanna d’Arco ta’ Giuseppe Verdi li se tittella’ fit-Teatru Astra fl-24 u 26 ta’ Ottubru, u se timmarka r-ritorn tagħha għall-udjenzi wara aktar minn 170 sena, meta kienet ittellgħet għall-ewwel u l-aħħar darba f’Malta, fir-Royal Opera House, fl-1852.