Illum, l-1 ta’ Ottubru, huwa jum li jimmarka l-bidu ta’ diversi affarijiet. Ħidma ġdida, esperjenzi ġodda u kampanji ta’ kuxjenza.
Fil-fatt, il-bidu tal-iskeda ta’ ONE m’huwiex l-uniku bidu llum. Eluf ta’ studenti dalgħodu jibdew l-esperjenza tagħhom fl-istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji u terzjarji, fosthom l-Università ta’ Malta fejn tibda l-hekk imsejjħa Freshers’ Week. Ġimgħa ta’ attivitajiet fuq il-kampus fejn l-istudenti jiltaqgħu flimkien u jiksbu tagħrif dwar din is-sena ġdida.
Daqstant importanti l-bidu tas-sena forensika, fejn il-ħidma tal-Qrati tibda tirranka bil-kbir. Sinjifikattiva din is-sena wkoll għaliex hija l-ewwel waħda tal-Prim Imħallef il-ġdid, Joseph Azzopardi, li dalgħodu mistenni jagħmel l-indirizz tiegħu quddiem wħud mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
U min dalgħodu rnexxielu jidħol fuq il-midja soċjali beda jara l-kulur roża jieħu prominenza bil-messaġġ I Am Going Pink fuq il-profil ta’ ħafna. Dan hekk kif Ottubru huwa x-xahar ta’ kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider.