L-ekonomija ta’ Malta matul l-2022 kienet waħda reżiljenti għall-aħħar, kif jixhdu ċ-ċertifikat wara l-ieħor li ngħatat Malta minn entitajiet awtonomi bħall-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, li perjodikament joħorġu opinjoni analitika tal-kapaċità tal-pajjiżi differenti li jissodisfaw l-obbligi finanzjarji tagħhom, u jippubblikawha għall-informazzjoni tas-swieq globali.
Matul is-sena, l-ekonomija baqgħet dejjem tara investiment, innovazzjoni, u viżjoni, filwaqt li l-gvern Malti ħa d-deċiżjonijiet f’waqthom biex jiżgura li l-pressjoni kbira fuq il-prezzijiet tal-enerġija kkaġunata mill-gwerra fl-Ukrajna ma tgħaddix għand il-familji u n-negozji, kif sfortunatament seħħ f’pajjiżi oħrajn. Kienet politika li, xhur sħaħ wara li bdiet tiġi implimentata f’Malta, anki fil-livell tal-Unjoni Ewropea ġie rrealizzat li hija l-aħjar triq f’dawn ċ-ċirkustanzi.
Il-Baġit li ġie ppreżentat f’Ottubru li għadda, b’investiment ta’ ’l fuq minn seba’ biljun ewro, ukoll kompla u se jkompli jikkontribwixxi biex l-ekonomija tibqa’ tissaħħaħ, tiġi assigurata l-kwalità tal-ħajja tan-nies, u jiġu inċentivati n-negozji.
Meta, flimkien ma’ ekonomista u akkademiku mill-Università ta’ Malta, One News ta ħarsa lejn l-andament ekonomiku ta’ Malta matul din is-sena li waslet biex tintemm, it-tnejn li huma osservaw li dawn ir-riżulati nkisbu wara tliet snin ta’ pandemija u fi żmien ta’ kunflitt fl-Ukrajna, li tnejn li huma wasslu għal żmien diffiċli għall-ekonomija madwar id-dinja kollha kemm hi.
L-ekonomista Jessica Camilleri spjegat diversi metriċi li nħarġu matul din is-sena, fosthom ir-rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji, li juri li pajjiżna jinsab fit-tmienja u tletin post minn 141 pajjiż madwar id-dinja kollha.
“Jekk nieħdu l-innovazzjoni diġitali, pereżempju, prijorità li qed tikseb aktar prominenza fl-ekonomija tal-lum u tal-futur, aħna ġejna fis-6 post minn 27 ekonomija Ewropea. Global innovation index, 21st out of 132 economies.”
Min-naħa tiegħu, l-akkademiku Ivan J. Grixti fakkar ukoll f’kif, f’Ġunju li għadda, ir-rata tal-qgħad f’Malta kienet ta’ tnejn punt disgħa fil-mija, l-inqas rata ta’ qgħad li qatt ġiet irreġistrata fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan it-tnaqqis fir-rata tal-qgħad qed jibqa’ jseħħ minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent, fosthom dik tal-gwerra fl-Ukrajna, il-kriżi dinjija tal-enerġija Ii din ġabet magħha, u l-pandemija.
Dr Grixti rrimarka wkoll li diversi rapporti finanzjarji internazzjonali, li huma indipendenti u li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, qed ibassru li r-rata tal-qgħad se żżomm il-livelli baxxi li laħqet.
“L-aġenziji ta’ kreditu la għandhom mill-Gvern u lanqas mill-Oppożizzjoni. Iħarsu lejn l-affarijiet b’mod oġġettiv, u l-fatt li qed jagħtuna ċertifikat tajjeb tal-andament ekonomiku, allura mhux biss il-Gvern iżda kull investitur li qed iħares lejn pajjiżna se jara li dan ir-riżultat huwa riżultat pożittiv.”
Min-naħa tagħha, l-ekonomista Jessica Camilleri spjegat li, għall-kuntrarju ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn, ir-rata tal-inflazzjoni annwali ta’ Malta naqset u kienet fost l-iktar baxxi fl-Unjoni Ewropea.
L-ekonomista għamlet referenza għall-investiment b’saħħtu li qiegħed jagħmel l-Gvern biex l-inflazzjoni ma tgħollix rasha.
“Jekk nitkellmu dwar ir-rata tal-inflazzjoni u l-enerġija, li kienet ukoll kriżi li m’affaċċjajniex aħna biss, iżda wkoll fuq livell globali. Bis-sussidju fuq l-enerġija rnexxielna nżommu l-prezzijiet stabbli ‘l fuq minn dik li hija l-medja Ewropea”.
L-ekonomista Jessica Camilleri u l-akkademiku Ivan J. Grixti jbassru futur sabiħ għall-ekonomija ta’ pajjiżna, u jinnutaw li l-tkabbir ekonomiku għas-sena li ġejja se jkun ħafna akbar minn dak taż-Żona tal-Ewro.
Dan se jkun il-każ minkejja l-isifid ekonomiċi internazzjonali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi Ewropej.
“Il-fatt li l-ekonomija se tkompli tikber, u l-fatt li aħna l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea, se nkunu qed immorru ferm aħjar mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Dan jawgura tajjeb għall-kaxxa ta’ Malta għax, ovvjament, il-Gvern se jdaħħal aktar flus f’dak li hu taxxa, bolla, u VAT, u permezz ta’ dak id-dħul ikun jista’ jiffinanzja l-programm tiegħu”.