Il-Hamas mistennija jitilqu 33 ostaġġ matul l-ewwel fażi ta’ ftehim għal waqfien mill-ġlied li qed jiġi ffinalizzat minn negozjaturi f’Doha. Dan kien iddikjarat minn żewġ uffiċjali Iżraeljani hekk kif qed jidher l-ewwel xaqq ta’ dawl li jista’ jintlaħaq ftehim fil-gwerra bejn Iżrael u l-Hamas li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar ħmistax-il xahar.
Uffiċjali qalu li jinsabu ottimisti li ser ikun milħuq ftehim f’din il-gwerra li ġabet instabbilità fil-Lvant Nofsani u ddistruġġiet lil Gaza, sabiex ikun hemm waqfien mill-ġlied, jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ aktar għajnuna għall-Palestinjani u jkun assigurat ir-ritorn ta’ għexieren ta’ ostaġġi miżmuma mill-Hamas sa mill-bidu tal-ewwel attakk fuq Iżrael fis-7 t’Ottubru 2023.
Skont il-gvern ta’ Iżrael, il-Hamas u l-alleati tagħhom għadhom iżommu 94 mill-251 ostaġġ li ħatfu minn Iżrael, li jinkludu mill-inqas 34 mejta, iżda Iżrael jemmen li l-maġġor parti tat-33 ostaġġ li se jinħelsu fl-ewwel fażi tal-ftehim huma ħajjin, għalkemm wisq probabbli magħhom se jkun hemm ukoll l-iġsma ta’ uħud mill-mejta. Din l-ewwel fażi mistennija sseħħ matul l-ewwel 42 ġurnata tal-ftehim mill-waqfien mill-ġlied.
In-negozjati sabiex jiġi mwettaq it-tieni fażi tal-ftehim, dak tal-waqfien mill-ġlied, mistenni jibdew fis-16-il jum tal-implimentazzjoni tal-ftehim.
Iżrael iddikjara gwerra fuq il-Hamas f’Gaza wara l-attakki tas-7 t’Ottubru 2023 li fihom kienu mietu madwar 1,200 persuna u 250 ittieħdu ostaġġi. Minn dakinhar, skont il-Ministeru tas-Saħħa Palestinjan, il-militar Iżraeljan qatel mill-anqas 46,565 Palestinjan f’Gaza u aktar minn mitt elf sfaw midruba.