Fl-aħħar snin, l-ekonomija Maltija kibret b’rata bla preċedent, u s-sistema kif inhi bħalissa qed taħdem.
L-ekonomija hija b’saħħitha, l-ottimiżmu għan-negozji jiddomina, u n-negozjanti jħarsu ’l quddiem b’ambizzjoni għal dak li għadu ġej.
Dan kliem Ed Nusbaum, il-Kap Eżekuttiv ta’ Grant Thornton. Bniedem li kiteb fl-aqwa ġurnali finanzjarji internazzjonali.
Huwa qal dan f’intervista riċenti mal-MaltaToday, wara li ġimgħat ilu għamel dikjarazzjonijiet fuq l-istess linja mat-Times of Malta.
Meta kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna, li għal xi żmien kienet f’nofs kontroversja u suġġett għall-kritika, qal li dawk fis-settur qed ibassru aktar dħul, profitti ogħla, iktar postijiet tax-xogħol, iktar tkabbir ekonomiku, u iżjed investiment fir-riċerka u l-iżvilupp.
Meta l-MaltaToday staqsewh dwar BREXIT u kif Malta tista tibbenefika min-negozjati, il-Kap Eżekuttiv ta’ Grant Thornton sostna li Malta għandha tisfrutta l-opportunitajiet li jiġuha.
Iddeskriva lil Malta bħala “destinazzjoni attraenti”, li bla ebda dubju tista’ tkun katalista għan-negozji li jagħżlu li jitilqu mir-Renju Unit.
Quddiem l-isfidi internazzjonali li jeżistu, meta mistoqsi mit-Times of Malta dwar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fis-settur, Ed Nusbaum kien qal li “on a scale of 1 to 10, Malta’s reputation was at least 9+”.