L-industrija tal-gaming f’Malta tinsab ottimista, aktar minn qatt qabel, biex tkompli ssib f’pajjiżna post addattat b’qafas regolatorju b’saħħtu.
Dan is-sentiment ħareġ waqt attività organizzata mill-Kamra tal-Kummerċ li matulha tkellmu bosta esperti u persuni mis-settur.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, għamlet referenza għall-importanza li din l-industrija għandha fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Irrimarkat li tmienja fil-mija tal-prodott domestiku gross tal-ekonomija Maltija huwa attribwit lejn din l-industrija.

Il-Kamra tal-Kummerċ, li fost l-oħrajn tirrappreżenta l-interessi ta’ dan il-qasam, ippubblikat diversi studji u proposti dwar l-industrija, fosthom fejn tidħol ir-regolamentazzjoni.
Preżenti wkoll għal din l-attività kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, li innota kif bħalissa f’pajjiżna hawn tliet mitt kumpanija fis-settur li qed joffru mal-għaxart elef post tax-xogħol ta’ kwalità.

Schembri tkellem dwar kif il-fatt li Malta toffri liċenzji favorevoli jagħmilha attraenti għal aktar kummerċ biex b’hekk pajjiżna qiegħed igawdi minn aktar stabbiltà ekonomika.
Qal ukoll li l-industrija nidlet b’mod sostanzjali matul l-aħħar snin u l-Gvern Malti se jkompli jagħti kas tal-opinjonijiet tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. B’hekk se tingħata l-opportunità lill-operaturi biex jipprovdu pariri ta’ livell għola fit-tfassil tal-politika tiegħu. Dan b’mod speċjali fejn jidħol il-futur tal-industrija fl-oqsma tal-e-sports u t-teknoloġija immersiva.
Fl-istess attività għamel intervent ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Betsson Group, Pontus Lindwall, li faħħar ir-relazzjoni li l-kumpanija għandha ma’ pajjiżna. Betsson Group kienet l-ewwel kumpanija tal-Gaming f’pajjiżna u llum il-ġurnata hija bbażata hawnhekk u timpjega magħha ’l fuq minn elfejn ħaddiem.