Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern qed jiġu mfaħħra minn bosta għal kif mexxew, ħadu d-deċiżjonijiet u għenu lill-ħaddiema u n-negozji waqt pandemija.
Fost dawn hemm id-Direttur Maniġerjali ta’ lukanda ewlenija f’pajjiżna, Norbert Grixi, li waqt attività politika f’Ħaż Żebbuġ qal kif il-miżuri li ppreżenta Gvern Laburista fl-aħħar xhur salvaw il-qasam turistiku.
Huwa tenna kif il-futur għal din l-industrija tant kruċjali għal pajjiżna huwa sabiħ.
Qal, “Il-miżuri li ħadt, dak li huma wage supplement, il-loans li offrejtulna b’interessi baxxi, il-postponiment ta’ kontijiet, bis-saħħa ta’ dawn il-miżuri ġew salvati għexieren ta’ eluf ta’ mpjiegi. Ġej sajf nista’ nagħti garanzija lil kulħadd li se jkun tajjeb ħafna fit-turiżmu u bis-saħħa tal-miżuri l-industrija għadha teżisti għax kieku ma għintunix ma teżistix l-industrija tat-turiżmu.”
Fl-attività tkellmet Valerie Brincat, Occupational Therapist u omm ta’ tlett itfal bl-awtiżmu li qalet kif dan il-Gvern dejjem sema’ u involvihom fil-proġetti u deċiżjonijiet rigward persuni b’diżabilità.
Qalet, “Ħadt pjaċir għax dejjem smajtna u nkludejtna bħala ġenutri u assoċjazzjoni fid-deċiżjonijietu u pjanijiet tal-proġetti u inizjattivi li kellek għalina.”
Fl-intervent li għamel, is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut semma l-proposta fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista li se tara fabbrika tal-ħalib fil-lokalità tiegħu tinbidel fi spazju aħdar u pubbliku.
Qal, “Hija xi ħaġa sabiħa li minn art bħalissa l-fabbrika tal-ħalib ħa tinbidel fi spazju miftuħ għar-residenti, spazju li se joffri parkeġġ taħt l-art kif ukoll ġnien pubbliku ta’ daqs ta’ madwar 10 tomniet. Din hija xi ħaġa bżonjuża għar-residenti tagħna, post urban għall-aħħar u huwa parti importanti għar-riġenerazzjoni ta’ dan il-lokal.”
Il-pensjonanti Maltin u Għawdxin huma wkoll grati lejn il-Partit Laburista, hekk kif reġa’ tahom serħan il-moħħ li se jgħixu ħajja aħjar, jekk fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu n-nies jagħtu l-fiduċja lill-Partit Laburista.
Qal, “Dawn l-aħħar ħames snin li ilna fil-Gvern Laburista, qed ngħixu ħafna aħjar. Kapriċċ nistgħu nagħmluh, mediċini m’għadniex insibu out of stock u imbagħad smajtek titkellem li jekk il-Partit Laburista jerġa’ jieħu l-fiduċja ħa terġa’ żżid il-pensjonijiet.”