L-għaqdiet sportivi f’pajjiżna huma entużjasti għall-Politika Nazzjonali tal-Isport għall-għaxar snin li ġejjin u se jsemmgħu leħinhom biex din tirrifletti l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Politika li tinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni pubblika, u li mistennija tieħu l-isport fuq livell ogħla u iżjed professjonali.
L-għaqdiet sportivi – bħall-Assoċazzjoni Maltija tat-10-pin Bowling diġà qed iħarsu ’il quddiem għal dan iċ-ċans.
“Aħna li huwa sports tekniku nibbażaw ħafna fuq il-kowċis. Għandna kowċis tajbin ħafna li jagħtu ħafna ħin minn tagħhom però naħseb wasal iż-żmien li minn xogħol volontarju li dak li jkun jagħmlu wara l-ħin, ikolna kowċis full-time. Importanti speċjalment jekk naspiraw li nġibu rebħ ta’ midalji u rebħ barra minn Malta,” qal dan Paul Baldacchino f’isem il-Malta 10-pin Bowling Association.
Hemm assoċjazzjonijiet li l-ħolm tagħhom diġà qed isir realtà, u dan jixprunahom iżjed biex jieħdu sehem fil-konsultazzjoni u jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom.
Bħall-Assoċjazzjoni Maltija għall-Billiard u l-iSnooker, li qed tħares lejn dan id-dokument bħala pedament biex fuqu jibnu dak li diġà kisbu.
Frans Bugeja f’isem il-Malta Billiard & Snookers Association qal “Ġejna allokati post għalkemm bħalma nafu hawn Malta l-ispazju huwa limitat, però ġejna allokati post fejn se jkolna sala tagħna tissejjaħ akkademja, li fiha joqogħdu 8 billiards, jiġifieri ż-żgħażagħ tagħna jistgħu jserrħu moħħhom li ħa jkollhom futur sabiħ b’kowċis kwalifikati, li jkunu jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom.”
L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Handball se tiffoka s-suġġerimenti tagħha fuq is-sezzjoni tal-parteċipazzjoni fl-isport, fejn f’isem din l-assoċjazzjoni tkellem Joseph Tanti. Hu qal “Issa nistgħu nkunu attivi mhux passivi ngergu biss u ngħidu li m’għandniex affarijiet, imma through dil-policy naħseb li hija xi ħaġa pożittiva li aħna nistgħu nsemmgħu leħinnha għall-ġid tal-iSport Malti kollu mhux il-Handball biss.”
L-għaqdiet sportivi li tkellimna magħhom jinsabu determinati li jissuktaw b’iżjed laqgħat biex ikunu jistgħu jwasslu l-vuċi ta’ kull membru, u jgħaddu l-aqwa suġġerimenti possibbli.
Bħal Badminton Malta, li wriet is-sodisfazzjon għall-fatt li kull għaqda sportiva, żgħira kemm hi żgħira, hija mħeġġa’ biex tieħu sehem u ssemma’ leħinha.
Chris Spiteri f’isem Badminton Malta qalilna kif “Ikun hemm ħafna diskussjonijiet għaddejjin matul is-sena, però f’okkażjoni bħal din fejn tista’ anki tagħmel bidla fil-ħsieb tal-Gvern kif se jkompli jmexxi l-isport, naħseb hija importanti ħafna li l-isportivi kollha jeħduha bis-serjetà ħalli minn issa s’10 snin oħra nkomplu mexjin ’il quddiem.”