Is-sena li għaddiet kienet sena tajba, fejn il-Gvern kompla bl-allokazzjonijiet baġitarji ġenerużi tiegħu għas-settur tal-volontarjat.
Dan sostnieh il-Professur Kenneth Wain fir-rapport annwali tiegħu, għaxar snin minn meta twaqqaf l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.
Il-Professur Wain esprima ottimiżmu fl-iżviluppi f’dik li hi għajnuna mill-Gvern, kif ukoll f’dak li hu impenn tal-għaqdiet volontarji biex jirregolaw il-pożizzjoni tagħhom skont il-liġi mwaqqfa għalihom.Il-Professur Wain innota b’sodisfazzjon, il-ftuħ ta’ iktar ċentri għall-għaqdiet volontarji u qal li din is-sena, għandha tara l-kontinwazzjoni tal-proġett biex jinbena r-raba’ ċentru li strateġikament se jkun fin-nofsinhar tal-pajjiż, f’Marsaxlokk.
Filwaqt li nnota d-differenza bejn l-ewwel snin fejn esperjenza nuqqas ta’ rieda mill-Gvern biex iżomm mal-liġi u jinfurzaha, illum, jista’ jirraporta titjib kbir.
Il-Kummissarju tal-għaqdiet volontarji, innota li fil-passat, kien hemm abbuż mill-eżenzjoni li wieħed irid ikun miktub mal-Kummissarju biex jibbenefika mill-finanzjament tal-gvern u benefiċċji oħra.
L-appoġġ li anke qed jingħata s-settur qed iwassal biex iktar għaqdiet jifhmu l-benefiċċji li jkunu rreġistrati mal-Kummissarju tant li telgħu għal elf, ħames mija u għoxrin, in-numru ta’ għaqdiet li applikaw minn meta twaqqaf l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.
Wain fisser kif il-Gvern tejjeb il-prattiċi fl-amministrazzjoni tal-finanzjament u skemi oħra tas-settur volontarju, billi kkollabora mal-uffiċċju biex il-benefiċjarji jkunu konformi mal-liġi.
Kien innutat ukoll titjib f’Għawdex partikolarment fl-amministrazzjoni tal-fondi u l-organizzazzjonijiet volontarji fejn il-Ministeru introduċa proċeduri ta’ trasparenza u ġustizzja fil-mod kif jitqassmu l-fondi għas-settur volontarju tal-gżira Għawdxija.
Intant, il-Kummissarju qal ukoll li ħejja liġi bil-għan li l-organizzazzjonijiet volontarji jkunu eżentati mit-taxxa tad-dħul.