B’referenza għall-artiklu fil-faċċata tat-Times of Malta li tikkwota korrispondenza bejn il-Ministru, iċ-Chairman tal-FTS, u s-CEO ta’ dak iż-żmien, is-Sur Philip Rizzo. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni spjega li din il-korrispondenza ilha sitt xhur u li l-ħidma tal-FTS reġgħet qabdet ir-ritmu biex il-proġetti msemmija fil-budget ta’ din is-sena, kif ukoll proġetti oħra, jitkomplew u jitlestew skont il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tal-Ministeru.
L-istqarrija tal-Ministeru tgħid li dan kollu huwa sfida għall-FTS sabiex bi prattiċi aħjar li qed timplimenta flimkien mal-applikazzjoni ta’ prokurar pubbliku, l-FTS tkun tista’ twettaq il-lista ambizzjuża ta’ proġetti li trid twettaq. Mill-2013 ’il quddiem, l-FTS ittripplat il-ħidma tagħha u rnexxilha tibni mhux biss aktar minn skola fis-sena, iżda anke wettqet xogħol ieħor ta’ titjib ta’ faċilitajiet fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex.
Dan jixduh l-istess skejjel fejn qabel l-2013 kienu jdumu s-snin jitolbu l-FTS għal titjib ta’ faċilitajiet fl-iskejjel tagħhom. Ġie spjegat li jekk wieħed isemmi ftit mil-lista twila ta’ proġetti u xogħlijiet, wieħed malajr jinduna li meta jingħad li mill-2013 ma nbniet l-ebda skola, din hija osservazzjoni qarrieqa għax il-lista twila ta’ skejjel ġodda u xogħlijiet maġġuri li dan il-Gvern investa fihom mill-2013 għall-ġid tat-tfal huma ferm aktar, kif qed jiġi indikat fil-lista msemmija hawn taħt:
– Skola medja f’Bormla b’investiment ta’ €1.7m;
– Skola medja f’Birkirkara (Ta’ Paris) b’investiment ta’ €1.4m;
– Ċentru għall-ħarsien tat-tfal fil-Gżira;
– Skola nazzjonali tal-isports ġdida f’Pembroke b’investiment ta’ €3m;
– Skola medja ġdida fir-Rabat b’investiment ta’ €2.5m;
– Skola medja ġdida fin-Naxxar b’investiment ta’ €2m;
– Bini ta’ blokka sħiha għall-kindergarten u l-iskola primarja f’San Ġwann b’investiment ta’ €1.1m;
– Bini ta’ blokka sħiħa fis-Sixth Form ta’ Għawdex b’investiment ta’ €1.4m;
– Skola medja ġdida f’Ħal Kirkop b’investiment ta’ €8m;
– Skola sekondarja ġdida f’Ħad-Dingli b’investiment ta’ €8m;
– Skola primarja ġdida f’Ħaż-Żebbuġ b’investiment ta’ €800,000;
– Fil-Wardija ġew investiti €2.2m fir-rimodernizzar sħiħ taċ-ċentru tar-riżorsi;
– Ċentru sportiv f’Santa Venera b’investiment ta’ €2m;
– Tisbiħ estensiv fl-iskejjel primarji tax-Xewkija u Ta’ Sannat ta’ €1.6m.
Dan ma jinkludix il-programm ta’ ttranġar, li ilu għaddej mill-2013, fi skejjel madwar Malta u Għawdex, kif ukoll il-proġetti infrastrutturali kbar fl-MCAST u l-Università ta’ Malta.