Raġel li allegatament inqabad fil-fatt jisraq minn basket ta’ tfajla mill-venda tal-Belt Valletta baqa’ jinżamm arrestat.
Huwa kien osservat jipprova jisraq minn ġewwa basket ta’ tfajla u hekk kif kien avviċinat mill-istess Pulizija huwa ħarab jiġri minn fuq il-post iżda nqabad ftit tal-ħin wara mill-istess Pulizija quddiem lukanda ewlenija fil-Furjana.
Fil-Qorti Daniel Talpas ta’ wieħed u erbgħin sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u għalekk d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Madankollu l-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jeffery Scicluna ma qablitx hekk kif l-imputat ma kellux indirizz fiss u kien hemm periklu li jaħrab. Spjegaw ukoll li meta l-Pulizija akkumpanjaw lill-imputat fir-residenza tiegħu, huwa ma setax jagħraf il-bieb tiegħu.
Kien għalekk li l-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda tat struzzjonijiet lill-prosekuzzjoni sabiex fis-seduta li jmiss tipproduċi l-evidenza kollha.
Fil-bidu tas-smiegħ l-Ispettur Scicluna saħaq li dan it-tip ta’ serq kull ma jmur qed isir aktar komuni hekk kif dawk imressqa quddiem il-ġustizzja dejjem qed jeħilsuha b’sentenza sospiża u għalekk li l-prosekuzzjoni se tkun qed taħdem qatigħ sabiex Talpas jinagħta sentenza effettiva ta’ priġunerija.