L-Academy of Motion Picture, Arts and Sciences, ħabbru l-ewwel selezzjoni f’għaxar kategoriji għall-Oscars tas-sena d-dieħla nkluż dawk għall-Best International Feature Film, waħda mill-kategoriji l-aktar interessanti għax fiha wieħed jara l-aqwa taċ-ċinema minn madwar id-dinja.
Din is-sena ma jidhirx li kien hemm xi sorpriżi bil-film mużikali Franċiż ta’ Jacques Audiard ‘Emilia Pérez’, li diġa rebaħ unuri u anke huwa nnominat għal Golden Globe, javvanza għall-istadju li jmiss flimkien mal-Ġermaniż ‘The Seed of the Sacred Fig’, l-Ingliż ‘Santosh’, ‘Flow’ mil-Latvja u r-rebbieħ tal-Berlin Film Festival ‘Dahomey’.
Mil-lista ppublikata, li nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Jannar titniżżel għall-ħamsa meta jkunu magħrufa n-nominazzjonijiet kollha għall-Oscars, jidher li fuq quddiem hemm il-films Ewropej fejn ma’ dawk diġà msemmija hemm id-Daniż ‘The Girl with the Needle’ u l-Irlandiż ‘Kneecap’.
Wieħed però ma jistax ma jsemmiex lil film tad-direttur Brażiljan Walter Salles, ‘I’m Still Here’ li hu wkoll wieħed mill-favoriti.
Id-97 edizzjoni tal-Academy Awards se ssir il-Ħadd 2 ta’ Marzu u se tkun ippreżentata minn Conan O’Brien.
Din hi l-lista ta’ dawk li jinsabu fil-kategorija għall-Best International Feature:
I’m Still Here (Brażil)
Universal Language (Kanada)
Waves (Repubblika Ċeka)
The Girl with the Needle (Danimarka)
Emilia Pérez (Franza)
The Seed of the Sacred Fig (Ġermanja)
Touch (Iżlanda)
Kneecap (Irlanda)
Vermiglio (Italja)
Flow (Latvja)
Armand (Norveġja)
From Ground Zero (Palestina)
Dahomey (Senegal)
How to Make Millions before Grandma Dies (Tajlandja)
Santosh (Renju Unit)