Fi Brussell kompliet tiħrax il-kritika qawwija lejn il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Mestola, wara li ċ-Chief of Staff tagħha, Alessandro Chioccetti, inħatar bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Parlament wara ftehim politiku li sar wara bibien magħluqa.
Permezz ta’ dan il-ftehim sigriet, l-id il-leminija ta’ Metsola tpoġġa fl-aktar kariga li għandha saħħa amministrattiva u salarju għoli fil-Parlament Ewropew bl-appoġġ ta’ xi gruppi politiċi fl-istess istituzzjoni.
Bi tpattija għal dan, esponenti ta’ dawn il-gruppi politiċi qed jiġu ppremjati b’karigi għoljin permezz tal-ħolqien ta’ direttorat ġenerali ġdid li nħoloq fil-Parlament Ewropew; direttorat li mhux magħruf x’inhi l-utilità tiegħu.
Il-moviment internazzjonali kontra l-korruzzjoni, Transparency International EU, u The Good Lobby, organizzazzjoni li taħdem favur soċjetà pluralista, inklużiva, u demokratika, kitbu ittra iebsa lil Roberta Metsola u lill-viċi presidenti tal-Parlament Ewropew li fiha kkritikaw bl-aħrax il-ħatra ta’ Chiocchetti u ta’ dawn l-esponenti.
Fl-ittra huma talbuhom biex iħassru dawn il-ħatriet għoljin u jipproċedu bi proċess ġdid li jimxi mal-prinċipji tat-trasparenza, tal-integrità, u tar-responsabbiltà.
Iż-żewġ organizzazzjonijiet għamluha ċara li jqisu li l-proċess kollu tar-reklutaġġ tmexxa b’nuqqas xokkanti ta’ trasparenza u b’irresponabbiltà. Iddikjaraw li jemmnu li l-ħatra ta’ Chiocchetti ma saritx b’mod ġust u trasparenti.
Sostnew li ċ-Chief of Staff ta’ Metsola manifestament m’għandux l-esperjenza ppruvata biex jimmaniġġja n-numru kbir ta’ staff li hemm fil-Parlament Ewropew, bħalma għandhom il-kandidati l-oħra li applikaw għall-kariga, li lkoll huma diretturi ġenerali fl-istess Parlament. Dan ifisser li Chiocchetti m’għandux il-kwalifiki meħtieġa u, għaldaqstant, mhuwiex addattat biex jaqdi dan l-irwol.
It-Transparency International EU u The Good Lobby argumentaw li, fil-ħatriet il-Parlment mexa b’amministrazzjoni ħażina li tikkuntrasta bil-qawwi mal-pożizzjoni li ddikjara l-Parlament innfsu kontra li n-nies jintgħażlu minn fuq biex jitpoġġew f’pożizzjoni jew oħra b’influwenza politika.
Intant, il-ġurnal influwenti Politico ħabbar li ż-żewġ organizzazzjonijiet qed jippjanaw ukoll li jagħmlu lment mal-Ombudsman Ewropew dwar dan il-każ, li t-Transparency International EU ddeskrivietu bħala każ ta’ turija sfaċċata ta’ korruzzjoni instituzzjonali li se twassal biss biex tkompli tiġi imminata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fil-Parlament Ewropew.