L-organizzazzjoni internazzjonali favur it-trasparenza u kontra l-korruzzjoni, it-Transparency International EU, ikkritikat bl-aħrax in-nuqqas ta’ progress li sar min-naħa tal-Parlament Ewropew, immexxi minn Roberta Metsola, minn mindu sitt xhur ilu faqqa’ l-iskandlu tal-korruzzjoni fil-Parlament, il-Qatargate.
F’rapport li ħarġet, it-Transparency International EU qalet li, filwaqt li kien hemm progress limitat f’xi aspetti, ma ttiħdux passi biex tiġi indirizzata l-kultura tal-impunità li tħalliet tiżviluppa tul is-snin. It-titlu tar-rapport huwa: ‘Sitt xhur wara l-Qatargate: ħafna paroli u ftit azzjoni’.
“Kull tentattiv serju biex jitjieb is-sens ta’ responsabbiltà jiġi imblukkat mill-Bureau, li jmexxi lill-Parlament, bil-kunsens tal-gruppi politiċi u tad-deputati Ewropej,” ilmentat l-organizzazzjoni indipendenti, li wissiet li mhi tara l-ebda trasparenza jew sens ta’ responsabbiltà.
Il-gazzetta Politico kkwotat lid-Direttur tat-Transparency International EU, Michiel van Hulten, jgħid: “F’Diċembru li għadda l-Parlament wiegħed riforma bl-għeruq u x-xniexel biex ma jħallix li jerġa’ jseħħ xi Qatargate ieħor. Minflok, ma rajna xejn ħlief tkaxkir tas-saqajn u dewmien kif ukoll tentattivi biex b’dak li ġara jeħel ħadieħor.”
Huwa qal ukoll li, “minkejja ħafna kliem dwar trasparenza, l-hekk imsejjaħ proċess ta’ riforma qed iseħħ f’laqgħat sigrieti wara bibien magħluqin. S’issa ma ttiħditx deċiżjoni waħda biex jissaħħu r-regoli tal-etika u tal-integrità għad-deputati Ewropej. Il-President (Metsola) suppost qiegħda fuq quddiem nett biex tmexxi dan l-isforz biex issir riforma, imma ma tidher imkien.”