Fil-Jum Dinji tal-Annimali saret it-tieni edizzjoni tal-Animal Honours Award, li sservi bħala opportunità biex jiġu ċċelebrati l-annimali filwaqt li jiġu rikonoxxuti dawk in-nies li ta’ kuljum jiddedikaw ħajjithom għall-ħarsien tal-annimali.
Is-serata, li saret it-Tlieta filgħaxija, ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali u s-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali. Kien hemm b’kollox 454 nominazzjoni għal 12-il kategorija.
Fost ir-rebbieħa ta’ din is-sena kien hemm il-kelb Illio, li ġie premjat għall-għajnuna u x-xogħol li għamel mal-istudent Andrew Bonett fl-iskola San Andrea.
“Għax Illio jaħdem vera hard, jaħdem ħafna magħna bħala skola. Meta naqra quddiemu nħossni iktar kunfidenti.”
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, Alison Bezzina, qalet li dawn il-Premijiet jirikonoxxu x-xogħol tal-volontiera u l-annimali u jkomplu jtellgħu s-settur tal-ħarsien tal-annimali ’l fuq fuq l-aġenda nazzjonali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, elenka bosta miżuri li twettqu favur dan il-qasam u saħaq li l-Gvern impenjat sabiex ikompli jimplimenta bosta proposti kruċjali.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, irrimarkat li ċerimonji bħal dawn huma turija ta’ apprezzament pubbliku mill-Gvern tax-xogħol tant siewi u importanti li jagħmlu diversi nies f’dan is-settur tant għall-qalb il-Maltin u l-Għawdxin.