Għat-tieni sena konsekuttiva, ġiet organizzata “Festa Laħam” mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, f’kollaborazzjoni mal-Biċċerija Pubblika u l-Kunsill Lokali tal-Marsa.
L-attività din is-sena kienet mibnija fuq żewġ pilastri li ngħaqdu flimkien fil-Biċċerija Pubblika; il-kwalità tal-laħam u l-wirt agro-gastronomiku.
Fost dawk li ħadu sehem fl-attività kien hemm il-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjali u l-Koperattiva tal-Produtturi tal-Ħalib.
Il-Biċċerija Pubblika kienet preżenti bi stand imtella’ flimkien mal-Malta Chef Society, li ppermettiet lil dawk li attendew iduqu prodotti tradizzjonali Maltin, fosthom il-kirxa u l-mazzit.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo spjega kif fl-aħħar snin il-Biċċerija Pubblika investiet biex isseddaq u tivvalorizza l-kwalità tal-prodott lokali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li attività bħal din tagħti eżempju ċar tal-impenn tal-kunsilli lokali sabiex jorganizzaw attivitajiet diversi li jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet rispettivi tagħhom b’modi differenti.