Dalgħodu l-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr organizzaw is-sitt edizzjoni tal-pellegrinaġġ bil-muturi fil-jum proprju tal-festa ta’ Santa Marija.
Dan il-pellegrinaġġ, li jgħaqqad flimkien żewġ parroċċi li f’pajjiżna jiċċelebraw il-festa tal-Assunta fl-ewwel Ħadd wara l-15 t’Awwissu, telaq għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħodu mill-Imġarr u siegħa u nofs wara wasal f’Ħad-Dingli għall-ħabta tal-11:00.
Mal-wasla tal-muturi l-attività kompliet bit-tberik, immexxi mill-Arċipriet tar-raħal, il-Kanonku David Farrugia, waqt li l-parteċipanti ngħataw ukoll tifkira tal-okkażjoni, li llum saret parti mill-kalendarju ta’ diversi dilettanti tal-muturi.
Wieħed mill-organizzaturi, John Micallef, spjega lil ONE News minn fejn nibtet din it-tradizzjoni, li warajha hemm ukoll skop ta’ karità.
Qal, “Din kienet idea ta’ tnejn minn sħabi, għax aħna dilettanti, jien noqgħod hawn Ħad-Dingli, ili 43 sena hawnhekk. U Dun Ewkarist, l-Arċipriet, li kien hawn qabel, laqa’ t-talba tagħna mill-ewwel u kif laqa’ t-talba tagħna, għamilniha fuq Facebook u xandarna ’l hemm u ’l hawn u bdiet bil-mod dejjem tirranka u Allajbierek dejjem tiżdied qiegħda.”
Minnbarra li din l-attività sservi bħala wirja ta’ devozzjoni, b’antiċipazzjoni għall-festi tant maħbuba ċċelebrati f’dawn l-irħula, din l-inizjattiva għandha wkoll għan-nobbli warajha u għal sena wara l-oħra nġabru fondi għal kawża ġusta.
Stqarr, “Bħalissa ovjament qiegħdin fil-ġimgħa tal-festa, jiġifieri ninsabu għaddejjin b’diversi attivitajiet ukoll. Illum għamilna dan il-pellegrinaġġ bil-muturi, anke biex ngħinu u nuru solidarjetà mal-oħrajn. Qed niġbru għas-soup kitchen u din hi waħda mill-attivitajiet li, imbagħad, fl-aħħar se twassalna għall-festa tal-Ħadd li ġej.”