Għar-raba’ sena konsekuttiva se tiġi organizzata il-ġimgħa Ewropea għal Mobbiltà.
Din se tkun qed issir bejn is-sittax u t-tnejn u għoxrin ta’ Settembru.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata fost l-oħrajn mill-Ministri Ian Borg u Jose’ Herrera ngħataw id-dettalji li se jittieħdu f’din il-ġimgħa simbolika li l-għan tagħha hija li tibgħat messaġġ favur użu ta’ trasport alternattiv li jgħin għat-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja.
Il-Ministru responsabbli mit-trasport Ian Borg saħaq li l-bidla fil-mentalità biex il-poplu juża mezzi alternattivi tat-trasport hija sfida għal pajjiż sħiħ.
Semma li marbuta ma’ din il-ġimgħa se jkun hemm diversi kompetizzjonijiet għal Kunsilli Lokali li kapaċi jibbenefikaw minn fondi jekk iressqu miżuri tanġibbli li bihom jista’ jitnaqqas it-tniġġis fl-arja.
Borg tkellem ukoll fuq it-tisħiħ ta’ servizzi marittimi bejn it-tlett ibliet u l-Belt Valletta iżda qal ukoll li jeħtieġ it-traġitti fuq il-baħar jinfirxu lejn San Pawl il-Baħar, Tax-Xbiex u San Ġiljan.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent Jose’ Herrera tkellem fl-ambitu li t-traffiku sar il-kaġun ewlieni għat-tniġġis fl-arja.
Spjega li l-Gvern qed jieħu diversi inizzjattivi biex apparti l-edukazzjoni f’dan l-aspett ikun promovut l-użu tal-karozzi elettriċi, trasport marittimu u l-użu tar-roti.
Intant bit-tema ‘Sharing Gets You Further’, il-ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà se jkollha fiha l-Car Free Day, li għal din is-sena se ssir fis-sbatax ta’ Settembru.