It-Tlieta filgħodu tlaqqgħet l-ewwel konferenza annwali bejn l-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tat-Tractors u t-Trailers, l-ATTO, u Transport Malta biex jiddiskutu l-isfidi li qed jiffaċċjaw u kif se jinbidlu f’opportunitajiet.
Fil-fatt waqt din il-konferenza ġie ffirmat ftehim li jassigura li jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn dawn l-assoċjazzjoni u l-awtorità nazzjonali.
Preżenti kien hemm ukoll diversi entitajiet Ewropej, li jirrappreżentaw stakeholders fit-trasport, li sostnew li, sal-2040, l-Unjoni Ewropea qed tara li tnaqqas b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ dijossidu tal-karbonju li jipproduċu tali trailers.
ONE News tkellem maċ-Chairman tal-ATTO, Joseph Bugeja, li tenna li s-sena l-oħra esperjenzaw żieda ta’ mija u għaxra fil-mija fil-membri tagħha, xi ħaġa li tkompli timlihom b’kuraġġ.
“ATTO llum irnexxielha tiġbor esperti barranin li ġew apposta għal din il-konferenza ma’ oħrajn Maltin u kellna l-opportunità niddibattu l-isfidi li għandna kemm fit-territorji Ewropej u kemm Malta. L-għan finali hu li aħna nassiguraw li dan is-servizz, li hu importanti ħafna għall-ekonomija ta’ Malta, ikompli jiżviluppa u jagħti l-aqwa servizz għall-industrija u għall-konsumatur inġenerali.”
Joseph Bugeja, Chairman, Atto
Din il-konferenza seħħet ukoll fl-isfond tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea favur Malta ftit tax-xhur ilu dwar ir-regola li tobbliga lill-operaturi tat-trasport jirritornaw il-vetturi tagħhom lejn l-istat membru fejn ikunu rreġistrati.
Il-Ministru responsabbli mit-trasport, Chris Bonett, aċċenna li din il-kollaborazzjoni hi kruċjali għal pajjiżna, għax tieħu ħsieb 77% tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-pajjiż minn u lejn l-Unjoni Ewropea.
Huwa tenna li dan qed isir biex il-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ jirċievi l-prodotti li tant għandu bżonn fil-ħajja ta’ kuljum.
“Meta ngħidu li l-ikel tagħna jiġi bil-vapur, l-ikel jiġi bil-vapuri, imma f’dawn it-trakkijiet. Jiġifieri dawn għandhom rwol fundamentali mhux biss għall-ekonomija tagħna, imma fl-għixien tagħna. Minbarra hekk, l-ATTO hi partner strateġiku għall-Gvern, għax tgħinna ħafna f’dawk li huma direttivi Ewropej u anka kellna kawżi fejn l-ATTO ħadet il-lead, flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħrajn, biex twassal il-vuċi ta’ Malta fil-Qrati tal-Unjoni Ewropea anke b’suċċess.”
Il-Ministru Chris Bonett