F’Għawdex ġiet organizzata ċ-ċerimonja annwali tal-Għoti tal-Premju Ġieħ Għawdex, li din is-sena ingħata lil Chris Galea u lill-Professur Maria Frendo b’apprezzament għall-ħidma tagħhom fi ħdan il-komunità tul is-snin.
Il-President ta’ Malta George indirizza din l-attività u qal kif il-ħarsien xieraq tal-ambjent, politika mifruxa u b’polz soċjali b’saħħtu huma ingredjenti kruċjali biex bis-sħiħ inħarsu l-identità ta’ Għawdex u s-saħħa fiżika u psikoloġika tal-Għawdxin.
Hawnhekk saħaq li flimkien irridu naħdmu biex nibżgħu għal dak li qed jagħmlilna ġieħ bħala poplu, nagħtuh il-valur li jistħoqqlu, u nipproteġuh mit-tħassir li jġibu magħhom l-ispekulazzjoni, il-ġirja għamja għall-qligħ, u n-nuqqas ta’ għarfien dwar il-kontribut kbir li ambjent san u sabiħ iħalli lill-kwalità tal-ħajja tagħna l-bnedmin.
Il-President radd ħajr lis-Sur Galea għall-impenn tiegħu favur il-ħajja, u favur ħajja dinjituża għal kulħadd b’mod partikolari għall-anzjani u l-morda. Irringrazzja wkoll lill-Professur Frendo għall-karriera twila tagħha fl-oqsma tal-mużika u l-letteratura, flimkien mar-riċerka u mal-impenn tagħha biex fuq bażi volontarja tagħti kontribut għall-kalendarju artistiku Għawdxi.
Qabel iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella attendew għal quddiesa pontifikali solenni ċċelebrata mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma fil-Katidral ta’ Għawdex.
Il-President poġġa kuruna tal-fjuri mal-mafkar tal-Arċipriet Saverio Cassar.