Il-Ġimgħa filgħaxija ġiet organizzata attività bħala parti mill-kampanja nazzjonali “Give a Damn, Go Vote”, fejn laqqgħet numru ta’ individwi involuti f’organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.
Il-kampanja qed tittella’ bil-għan li tħajjar liż-żgħażagħ jivvotaw fit-8 ta’ Ġunju, irrispettivament mit-twemmin politiku tagħhom jew ma’ liema partit jappartjenu.
James Pizzuto, ħaddiem fi ħdan Aġenzija Żgħażagħ, saħaq li bħala għaqda qed isiru diversi programmi sabiex wieħed jikseb għarfien kif jivvota.
“Aħna l-Aġenzija Żgħażagħ qegħdin nagħmlu ħafna programmi li għandhom x’jaqsmu mad-demokrazija u kif wieħed għandu jivvota u għalhekk nimmaġina li bħalma jiena u l-kollega tiegħi nipprovaw ħafna nemfasizzaw l-importanza tal-vot, nippruvaw inwasslu dan il-messaġġ liż-żgħażagħ bl-entużjażmu tagħna fil-proċess demokartiku u billi wkoll ninfurmawhom kif dan jaħdem u kif wieħed għandu jagħmel biex ikun involut fihom.”
Waqt li kien qed jindirizza l-attività, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti rringrazzja lil dawk kollha li attendew għal dan l-avveniment. Huwa enfasizza fuq l-importanza tal-vot, u ddeskrivieh bħala wieħed mill-aktar għodod b’saħħithom li għandu l-poplu biex jinfluwenza d-deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjitna u l-futur tagħna.
“L-iskop ta’ din il-kampanja huwa sabiex inħeġġu liż-żgħażagħ sabiex nhar it-8 ta’ Ġunju joħorġu jivvutaw. Żewġ elezzjonijiet importanti ferm, l-ewwel waħda hija tal-Parlament Ewropew fejn tant jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja tagħna ta’ kuljum u taż-żgħażagħ fejn jidħol ekonomija, fejn jidħlu karrieri, fejn jidħlu impjiegi, imma daqstant ieħor hija importanti l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fejn iż-żgħażagħ u l-popolazzjoni inġenerali huma mistennija li jeleġġu lill-dawk ir-rappreżentanti li jrid jmexxu l-belt jew raħal tagħhom.”