Aġenzija Sapport organizzat seminar speċjalizzat dwar is-sostenn lill-familjari fit-trobbija tal-ulied b’diżabilità. Dan is-seminar laqqa’ flimkien ġenituri ta’ persuni b’diżabilità u professjonisti minn diversi oqsma relatati mas-servizzi soċjali, l-edukazzjoni u s-saħħa.
Is-sostenn lill-familjari huwa essenzjali biex jiġi żgurat livell aħjar ta’ għajxien għall-persuni b’diżabilità u biex titrawwem l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà. Diżabilità fi ħdan il-familja ma taffettwax biss lill-individwu direttament, iżda għandha impatt fuq il-membri kollha tal-familja, kemm b’mod pożittiv kif ukoll permezz ta’ sfidi differenti.
Mill-esperjenza f’dan il-qasam, huwa ċar li l-familji jeħtieġu sostenn sa mill-bidu, speċjalment meta tingħata d-djanjożi. Il-mixja tal-familja mhix dejjem faċli, u ħafna drabi l-ġenituri jkunu f’diffikultà biex isibu tweġibiet għal mistoqsijiet importanti bħall-aċċess għas-servizzi u kif għandhom jinnavigaw din ir-realtà ġdida. Il-ħtieġa ta’ għajnuna tmur lil hinn mis-servizzi soċjali, u tinkludi wkoll l-edukazzjoni, is-saħħa, ir-relazzjonijiet interpersonali, u l-involviment soċjali u kulturali.

Waħda mill-prioritajiet ewlenin li ġew enfasizzati waqt is-seminar hija li l-familjari għandhom jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex jiġu evitati diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul iż-żmien, inkluż ir-riskju ta’ burnout. Meta l-familji jsibu l-appoġġ li għandhom bżonn, il-qafas kollu jissaħħaħ u l-persuna b’diżabilità tirċievi kura aħjar u aktar sostenibbli.
F’messaġġ li għaddiet waqt is-seminar, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia rringrazzjat lill-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur filwaqt li rrimarkat dwar l-importanza li l-gvern ikompli joffri sostenn b’saħħtu lil dawn il-familji. “Bħala gvern aħna nibqgħu impenjati li nsaħħu s-servizzi ta’ sostenn lill-familji ta’ persuni b’diżabilità, għax nemmnu li soċjetà inklużiva tibda billi nipprovdu l-għodda u r-riżorsi meħtieġa biex ħadd ma jħossu waħdu f’din il-mixja. Għalina, l-inklużjoni mhix biss kelma sabiħa, iżda impenn konkret li jrid jidher f’kull livell tal-ħajja ta’ dawn il-familji – mill-edukazzjoni għas-saħħa, mill-impjiegi sal-appoġġ psikosoċjali.”
“Nifhmu l-isfidi li jaffaċċjaw il-familjari ta’ persuni b’diżabilità u rridu nassiguraw li s-servizzi li noffru jkunu adegwati, aċċessibbli, u effettivi biex tassew jagħmlu differenza f’ħajjithom. L-għan tagħna huwa li nibnu qafas li mhux biss joffri għajnuna immedjata iżda li joħloq futur aktar sostenibbli għal dawn il-familji, fejn kull membru, b’kull sfida li jiffaċċja, iħossu parti sħiħa mis-soċjetà tagħna,” temmet tgħid il-ministru.
L-impenn tal-Aġenzija Sapport jibqa’ li jinvesti f’riżorsi u jiżviluppa servizzi ġodda ta’ sostenn għall-familjari, filwaqt li jinkludi wkoll kollaborazzjoni bejn oqsma differenti biex il-familji jirċievu servizz olistiku u personalizzat skont il-bżonnijiet tagħhom.
Matul is-seminar ġew diskussi diversi aspetti relatati mal-appoġġ lill-familji, inkluż il-funzjoni tal-Family Support Unit fi ħdan l-Aġenzija Sapport u l-iżvilupp tiegħu matul l-aħħar snin, l-importanza tal-workshops u gruppi ta’ sostenn li qed jgħinu mijiet ta’ familji b’mod prattiku, esperjenzi ta’ ġenituri li attendew dawn il-gruppi u l-effett tagħhom fuq il-kwalità tal-ħajja tal-familja, flimkien ma’ workshops fuq temi speċifiċi, immexxija minn esperti fl-oqsma rispettivi.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna faħħar il-preżenza qawwija tal-professjonisti li attendew dan is-seminar, li juri l-interess kbir tagħhom biex itejbu l-għarfien dwar kif jistgħu jkunu ta’ sostenn għall-familjari u kif jistgħu jikkollaboraw ma’ esperti oħra fil-qasam tad-diżabilità. Huwa saħaq li l-impenn tal-Aġenzija jibqa’ li tkompli tevalwa l-bżonnijiet tal-familji u tiżviluppa interventi ġodda li jkomplu jsaħħu s-servizzi offruti lill-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.