F’ambjent sabiħ u f’atmosfera vibranti fil-Park San Klement, f’Ħaż-Żabbar, li ġie rinnovat u mkabbar is-sena li għaddiet, ittella’ avveniment ieħor b’divertiment għall-familja kollha, fil-forma ta’ kunċert bl-isem ta’ ‘Unplugged’.
Fil-wesgħat ħodor tal-Park, li sa ftit ilu kien żdingat, l-avveniment ra s-sehem ta’ diversi artisti Maltin popolari, fosthom il-kantanti Ivan Grech u Klinsmann, u l-Melury Band, li ħolqu esperjenza tajba lil dawk kollha li attendew.
L-avveniment mingħajr ħlas kien parti mill-inizjattiva kontinwa ta’ Project Green biex tħeġġeġ lill-komunitajiet jagħmlu użu mill-investimenti kbar fi spazji miftuħa, li qed jiġu rranġati jew jinħolqu kompletament ġodda. Dan anke biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja għar-residenti fl-istess akwati.
Project Green impenjata li żżid aktar l-għarfien dwar l-ispazji ħodor tagħha billi torganizza avvenimenti fihom li jservu wkoll ta’ opportunità fejn tiltaqa’ l-komunità flimkien u jitrawwem sens akbar lejn l-ambjent.
Waqt li ħeġġeġt lill-pubbliku jżur u jgawdi dawn il-parks jew ġonna aktar spiss matul is-sena kollha, speċjalment mal-familja u l-ħbieb, l-entità governattiva fakkret li l-mezzi soċjali tagħha huma aġġornati dwar l-attivitajiet li se jiġu organizzati.