Furia, organizzazzjoni prominenti fid-dinja tal-esports, se tkun qed tirriloka lejn Malta.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, waqt żjara lill-ESL pro-league tournament, li bħalissa jinsab fil-fażi finali f’pajjiżna.
Din l-organizzazzjoni twaqqfet fl-2017, u għandha strutturi fil-Brażil u fl-Istati Uniti. Hi waħda mill-aktar organizzazzjonijiet popolari fejn jidħlu l-kompetizzjonijiet tal-esports se jkunu qegħdin jirrilokaw it-tim tagħhom CounterStrike f’pajjiżna.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega kif din hi industrija li qed tkompli tikber ta’ kull sena u li aħbar bħal din turi kif Malta hi ċentru ta’ eċċellenza fis-settur kollu tal-gaming.
“Qed inkomplu naraw ir-riżultati wara diversi inizjattivi li ħadna. Kif ħabbart, bħalissa għaddej tournament f’pajjiżna, jissejjaħ ESL, li hija l-akbar kumpanija fid-dinja li torganizza esports tournaments u bħalissa qed torganizza dan it-tournament f’pajjiżna, fejn hawn aktar minn 300 persuna minn madwar id-dinja f’pajjiżna jieħdu sehem f’dan it-tournament.”
Ivan Filletti, il-Kap Eżekuttiv tal-Gaming Malta, tkellem fuq il-ħidma li ssir bejn il-Gaming Malta, l-Awtorità Maltija għal-Logħob, u s-settur privat biex joperaw f’armonija minn pajjiżna.
Huwa semma diversi kumpaniji lokali li qegħdin jagħmlu isem għal pajjiżna fid-dinja tal-esports.
Alex Inglot, il-Kummissarju ta’ ESL Pro League, qal li dan it-turnew ilaħħaq mal-500,000 persuna fl-istess ħin waqt il-logħob.
Spjega li t-turnew f’pajjiżna jdum għaddej sitt ġimgħat, bil-qofol tiegħu jintlaħaq din il-ġimgħa. Dan ifisser li, matul dawn is-sitt ġimgħat, f’pajjiżna kien hawn 338 player u 145 staff għal dan it-turnew.