Libjan ta’ tmintax-il sena li jgħix San Ġiljan, tpoġġa fuq ordni ta’ probation wara li ammetta li f’Mejju u Settembru ta’ din is-sena, seraq diversi oġġetti, fosthom mobile, rota u karta tal-kreditu.
Fil-Qorti nstema’ li l-imputat ġie arrestat wara li l-Pulizija daħlitilhom rapporti li ġew misruqin xi oġġetti minn karozza, u wara li ġew elevati filmati minn kamera tas-sigurtà fil-viċin, ġie identifikat l-akkużat. Minn hawn il-Pulizija identifikawh ukoll bħala l-persuna li kien seraq rota xahar qabel.
Intqal ukoll li huwa prova jagħmel użu minn karta tal-kreditu misruqa, iżda ma rnexxilux iħallas biha.
Id-difiża sostniet li r-rota misruqa ġiet irritornata, u li huwa għandu problema ta’ dipendenza ta’ droga. Intqal li huwa fittex l-għajnuna dwar din il-problema, u sab ukoll impjieg.
Fil-Qorti l-Maġistrat wissiet lill-imputat biex jagħżel il-ħbieb tiegħu b’mod għaqli.