Nhar il-Ħadd, il-Qorti fetħet b’urġenza biex tisma’ każ ta’ xufier ta’ 30 sena, mixli bi vjolenza domestika u theddid fuq l-eks sieħba tiegħu.
F’Awla 25 intqal kif ir-rapport daħal sbieħ l-ewwel ta’ Lulju.
Intqal li l-eks sieħba, sabitu jistenniha fejn id-dar tagħha.
Huwa beda jgħidilha biex jirranġaw, u jkomplu bir-relazzjoni tagħhom, relazzjoni ta’ madwar ħames snin, li ntemmet xahar ilu.
Hija bdiet tgħidlu le, u meta staqsiha jekk hemmx ħaddieħor, huwa nfiska u qalilha li se jitfagħha f’wheelchair, u li se joqtol lilha u lilu.
Is-sitwazzjoni eskalat, b’konsegwenza li kkawżalha xi ġrieħi ħfief.
Fil-Qorti ma kien hemm ebda kontestazzjoni għall-validità tal-arrest u huwa ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Colin Sheldon, semma kif il-fedina penali tar-raġel hija waħda nadifa, filwaqt li hu ġab ruħu sew u kkopera.
Issemma wkoll kif ir-raġel saħansitra kien qed jiġi trattat minn psikjatra, u b’hekk sar l-appell li dan jingħata trattament u mhux piena.
Id-difiża mmexxija mill-Avukat Lennox Vella, semmiet li l-imputat jaħdem u b’hekk tenna l-appell li għamlet il-Prosekuzzjoni.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, tagħtu ordni ta’ probation għal 3 snin u ordni ta’ trattament ta’ 3 snin biex jindirizza l-imġieba tiegħu.
Hija tagħtu wkoll ordni ta’ trazzin fil-konfront tal-vittma, għal 3 snin.
Fil-Qorti, l-Maġistrat, temmet tindirizza lir-raġel, lil familtu, u lill-vittma u familtha, li ż-żewġ partijiet u l-familji tagħhom ma jistgħux jagħmlu kuntatt ma’ xulxin.