Il-Qorti semgħet kif is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, ħarġet ordni biex ma jingħatawx kalmanti lil Daniel Joe Meli ta’ tmienja u għoxrin sena li qiegħed imfittex mill-awtoritajiet Amerikani dwar każ ta’ negozju fuq id-dark web.
It-Tabib Gianluca Bezzina spjega lill-Qorti kif meta Meli daħal is-Sedqa biex jindirizza l-problema tad-droga, hu kien dipendenti fuq l-eroina, il-kannabis u l-kalmanti, konsegwenza tal-ansjetà li kien ibati minnha.
Hu spjega kif ir-reazzjoni tiegħu għall-kalmanti tant kienet ħażina li s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika talbet li ma jibqgħux jingħatawlu biex ma jiggravax l-istat ta’ saħħa tiegħu.
Minbarra hekk, it-Tabib Chris Cremona xehed kif, apparti l-użu ta’ sustanzi, Meli kien ibati wkoll minn numru ta’ kundizzjonijiet, bħall-artrite u slipped disc.
Meta kien mistoqsi mill-prosekuzzjoni jekk il-kundizzjoni tiegħu tiggravax f’każ li jiġi estradit lejn l-Istati Uniti, it-tabib wieġeb li wieħed ma jistax ibassar dan, għalkemm l-ansjetà u s-saħħa mentali tiegħu jafu jiggravaw minħabba li jkun ’il bogħod mill-familja tiegħu.