Mara ġiet ordnata tħallas iktar minn erbatax-il elf ewro lil kumpanija tal-assigurazzjoni b’rabta ma’ ħabta li seħħet fir-Rabat u li nstab li kien tort tagħha.
Elmo Insurance fetħet proċeduri kontra Sharon Gatt fuq inċident tat-traffiku li seħħ f’Jannar tal-elfejn u għaxra fi Triq it-Tiġrija. Dakinhar, Lilian Muscat kienet qed issuq il-vettura ta’ żewgha meta seħħet ħabta mal-karozza ta’ Gatt.
Il-kumpanija tal-assigurazzjoni ħallset lil Muscat erbatax-il elf u tnax-il ewro fi ħsarat li saru, u ħarrket lil Gatt u żammitha responsabbli tal-ħabta.
Iż-żewġ nisa akkużaw lil xulxin li daru ma’ liwja b’veloċita kbira u skidjaw fil-karreġġjata opposta.
L-Imħallef Lawrence Mintoff osserva li mill-evidenza, inkluż sketches tal-pulizija, ħareġ li kienet il-veloċita eċċessiva ta’ Gatt f’liwja b’triq imxarrba li waslet għall-inċident.