Rhian Zammit ta’ 30 sena kienet ordnata tħallas €20,000 f’kumpens lil koppja anzjana li kienet tieħu ħsieb bħala carer. Dan wara li nstabet ħatja li serqitilhom l-flus tal-pensjoni.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużata abbużat mill-fiduċja li kellhom fiha ż-żewġ anzjani, Benedetto u Teresa Attard. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħadet b’konsiderazzjoni dak li qalet l-anzjana fejn kienet sostniet li ħaditiha bi kbira meta saret taf hekk kif lil Zammit kienet tħobbha u tafdaha.
L-akkużata spjegat kif hi jiddispjaċiha ta’ dak li għamlet u li lesta tikkumpensa lill-anzjani. Sostniet li dak li għamlet kien riżultat tas-sitwazzjoni finanazjarja li spiċċat fiha.
Wara li qieset il-kondotta nadifa tal-akkużata, il-Qorti spjegat kif wieħed m’għandu qatt jabbuża mill-pożizzjoni li jkun fiha speċjalment meta l-persuni jkunu vulnerabbli u dipendenti.
Kien għalekk li l-Qorti ordnat li l-akkużata tikkumpensa lill-anzjani filwaqt li poġġietha taħt ordni ta’ probation għal tliet snin.