Il-Prim Ministru ta’ New Zealand Jacinda Ardern ordnat inkjesta tal-għola livell fuq l-attakki li seħħew fil-moskej fi Christchurch, li ħallew ħamsin persuna mejta. Qalet li kummissjoni rjali se teżamina jekk il-pulizija u s-servizzi tal-intelliġenza setgħu għamlu iktar biex iwaqqfu l-isparaturi li seħħew fil-ħmistax ta’ Marzu.
Kummissjoni rjali hija l-ogħla livell ta’ inkjesta indipendenti li tippermetti l-liġi ta’ New Zealand. Ardern qalet li l-kummissjoni se tipproduċi rapport komprensiv. Il-Prim Ministru qalet ukoll li l-inkjesta se tiffoka wkoll fuq l-aċċessibilta ta’ armi semi-awtomatiċi u x’irwol kellha l-midja soċjali fl-attakki.