Qorti tal-appell Kriminali ordnat li każ ta’ attentat ta’ qtil li jmur lura għall-2007, jkompli jinstema’, wara li ġew miċħuda numru ta’ eċċezzjonijiet mitluba mill-akkużat.
Daniel Felice mill-Għarb kien akkużat li lura fl-2007 spara u pprova joqtol lill-Ingliż Sean Holmes.
Meta seħħ il-każ, il-Pulizija kienet sabet li Holmes kien qed jitlef ħafna demm minn feriti kkawżati minn tliet tiri.
Allegatament missier Felice u omm Holmes kellhom relazzjoni li kienet spiċċat f’abbuż. Meta Holmes mar ikellem lil missier Felice, dawn jidher li spiċċaw fl-idejn, u kien hawn li allegatament Felice spara tlett tiri lejn l-Ingliż.
Fi proċeduri fil-Qorti, Felice talab li jitneħħew xi referenzi fl-akkuża, fosthom ta’ relazzjoni barra miż-żwieġ u abbuż fiżiku, għaliex skont hu kienu biss interpretazzjoni tal-Avukat Ġenerali.
Il-Qorti ma qablitx, ċaħdet l-eċċezzjonijiet mitluba, u b’hekk il-każ ikompli jinstema’.