Tifel li ċċirkula ritratt indiċenti ta’ tifla taħt l-età li rċieva mingħandha ħelisha ħafif minn idejn il-Qorti hekk kif il-Maġistrat Claire Zammit Stafrace ordnat li jinqered il-mobile, iPhone 11, li kien tat-tifel.
It-tifel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti hekk kif għadu taħt l-età, ammetta l-akkużi li ġew miġjuba kontrih.
Il-Maġistrat ħelsitu fuq kundizzjoni ta’ tliet snin, fejn wissietu dwar il-konsegwenzi serji jekk jerġa’ jagħmel reat ieħor tul dan il-perjodu.
L-Ispetturi tal-Pulizija Joseph Busuttil u Dorianne Tabone qalu lill-Qorti li l-invstigazzjoni tagħhom bdiet meta waslilhom rapport dwar ritratt li kien qed jiċċirkola.
Minn hemm waslu għat-tifel li jidher li wasal għandu dan ir-ritratt indiċenti u bagħtu lilu nnifsu fuq profil ieħor.
Minkejja dan, dan l-att xorta tqies bħala distribuzzjoni ta’ materjal indiċenti.
L-Avukati difensuri, Franco Debono u Francesca Zarb qalu lill-Qorti li t-tifel ma xerridx ir-ritratt indiċenti iżda bagħat ir-ritratt lilu nnifsu u ddispjaċih ta’ dak li għamel.