Raġel ta’ tnejn u tletin sena mill-Imqabba ġie ordnat jibqa’ f’daru sakemm il-Qorti tagħti s-sentenza tagħha.
Dan wara li l-Ġimgħa filgħodu mar ħdejn l-appartament tal-eks tfajla tiegħu fil-Gżira u pprova jifqalha l-bieb.
Il-każ seħħ kmieni filgħodu għall-ħabta tat-tmienja wara argument li nqala’ bejniethom. L-Ispettur Jonathan Ransley spjega fil-Qorti kif il-Pulizija rċeviet telefonata mingħand il-familja tal-mara, li fiha b’ton panikuż talbu għall-għajnuna.
Kien hemmhekk li l-Pulizija marru fuq il-post u arrestaw lir-raġel.
L-imputat tressaq il-Qorti akkużat b’theddid verbali, b’insult u provokazzjoni fil-konfront tal-mara, li kkawża ħsarat fuq proprjetà privata u li kiser il-paċi pubblika.
Wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh, ir-raġel ġie ordnat jibqa’ f’daru fl-Imqabba u ma jersaqx lejn il-Gżira u l-Imsida.