George Fava ġie ordnat jagħti kumpens ta’ aktar minn €18,000 wara li ammetta li saq lura u għaffeġ saqajn Joseph Bugeja.
L-inċident seħħ fis-26 ta’ Settembru tal-2015 meta Joseph Bugeja kien qiegħed fuq xogħlu fejn l-MDP tirċievi l-ħalib tar-raħħala biex tużah fil-prodotti tagħha.
Bugeja kien fetaħ il-kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra Fava, il-kumpanija tal-assikurazzjoni tiegħu.
Quddiem l-Imħallef Toni Abela ż-żewġ naħat qablu li l-vittma, li dakinhar kellu 43 sena, ġarrab diżabilità permanenti ta’ erbgħa fil-mija.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, l-Imħallef Abela wasal għas-somma ta’ €18,700 u ordna lil Fava jħallas dan l-ammont lil Bugeja.