Kennies li għandu l-vizzju tal-logħob tqiegħed taħt probation wara li ammetta li ffroda mara s-somma ta’ disgħa u għoxrin elf ewro. Hu ġie ordnat ukoll irodd lura din is-somma b’pagamenti fix-xahar.
Noel Bonello ta’ tmienja u tlettin sena minn Ħaż-Żabbar kien talab is-somma ta’ disgħa u ghoxrin elf ewro lil mara t’erbghin sena bil-kundizzjoni li jirranġalha post tal-housing, wara li l-akkużat kien stqarr li għandu diversi kuntatti mal-Awtorità tad-djar.
Irriżulta iżda li l-mara ma ħadet l-ebda akkomodazzjoni soċjali u kien hawnhekk li għamlet rapport lill-Pulizija, bil-Pulizija tarresta lil Bonello ftit tal-ħin wara.
Fil-Qorti r-raġel kien akkużat bi frodi u misaproprazzjoni ta’ fondi, akkużi li Bonello ammetta, filwaqt li spjega li għamel dan minħabba l-vizzju tal-logħob. Bonello kien beda programm ta’ rijabilitazzjoni għalkemm rriżulta fin-negattiv għax ma rnexxilux itemmu.
Il-Maġistrat Charmaine Galea sabet lil Bonello ħati u ordnatlu jagħti pagamenti fix-xahar ta’ mitejn u ħamsin ewro sakemm irodd lura s-somma totali li ffroda lill-mara.