Jean Paul Micallef ġie ordnat iħallas ftit aktar minn sebat’elef ewro wara li tmien snin ilu tajjar mara f’Ħad-Dingli.
Il-vittma, Maria Concetta Mifsud, li kellha 67 sena meta seħħ l-inċident ġarrbet erbatax fil-mija diżabilità permanenti.
Il-każ imur lura għall-2013 meta l-mara kienet miexja fuq bankina fi Triq l-Irdum u kellha tinżel minn fuq il-bankina minħabba scaffolding li kien hemm armat, bil-konsewgwenza li karozza tajritha u spiċċat mixħuta mal-art.
Is-sewwieq qal li kellu x-xemx f’għajnejh iżda ċaħad li kien qed isuq b’veloċità eċċessiva filwaqt li l-vittma stqarret li qabel seħħ l-inċident ppruvat tiġbidlu l-attenzjoni.
Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti sab lil Micallef responsabbli tal-inċident u nnota kif kieku kien qed isuq bil-galbu seta’ evita l-inċident.
Madanakollu qal kif ma jidhirx li r-raġel kien qed isuq b’veloċità qawwija.
Il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni l-età tal-vittma u li hi mara tad-dar allura xorta tagħmel xogħol, b’hekk wasslet għas-somma totali ta’ sebat’elef, mija, tnejn u ħamsin ewro.