Raġel ta’ 31 sena miż-Żurrieq ġie ordnat iħallas aktar minn €114,000 f’kumpens wara li nżamm responsabbli għall-mewt ta’ tifla ta’ 10 snin f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ lura fl-4 ta’ Lulju tal-2010 fi Triq Ħal Far fil-limiti ta’ Birżebbuġa fl-9:45 ta’ filgħaxija meta Martin D’Amato li kien qed isuq karozza tal-għamla Hyundai Accent kien involut f’ħabta ma’ Maruti Gypsy misjuqa minn missier it-tifla u li fiha kien hemm ukoll l-omm u oħt il-vittma.
Il-vittma Nicole Zahra sfortunatament tilfet ħajjitha 12-il ġurnata wara l-inċident wara li sofriet emoreġija interna u frattura fl-iskutella ta’ rasha.
F’kawża ċivili kontra D’Amato miftuħa mill-familja Zahra rriżulta li huwa kien qed isuq b’veloċità eċċessiva ta’ 150 kilometru fis-siegħa wara li kien ilu nofstanhar jixrob.
Dan filwaqt li l-istess vettura ta’ D’Amato rriżulta li kellha magna modifikata mingħajr l-awtoriżżazzjoni tal-awtoritajiet.
B’hekk l-imħallef Lawrence Mintoff ikkonkluda li l-ħabta seħħet wara imprudenza min-naħa ta’ D’Amato u ordnah iħallas lill-familja l-kumpens stabbilit.