Raġel li l-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħu ħallset iktar minn għoxrin elf ewro lil terzi, kien ordnat biex iħallas il-flus lura lill-kumpanija wara li nstab li fil-ħin tal-inċident huwa kien fis-sakra.
Fl-elfejn u disgħa f’Raħal ġdida l-Olandiż Jan Edward Van Reeven tilef il-kontroll tal-karozza t’ommu u baqa dieħel ġo żewġ karozzi pparkjati.
Għall-ewwel, l-Olandiż għamel rapport li l-karozza insterqet minn Tas-Sliema, iżda wara ammetta li dan ma kienx minnu. Ftit wara l-inċident, ommu fetħet claim tal-assigurazzjoni, fejn l-iben iddikjara li xorob numru ta’ birer.
Fl-elfejn u disgħa, Van Reeven instab ħati li għamel rapport tal-pulizija falz, u s-sidien taż-żewġ karozzi pparkjati rċevew kumpens finanzjarju għal ħsarat li sofrew.
Sussegwentament, Gasan Mamo ħadu passi fil-konfront tal-Olandiż u ommu, bil-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima tgħid li filwaqt li l-omm mhix ħatja, l-Olandiż kiser il-kundizzjonijiet tal-polza tal-assigurazzjoni għax kien taħt l-effett tal-alkoħol, u ordnatu jħallas is-somma kollha mħallsa lit-terzi persuni.