Joseph Baldacchino ta’ 64 sena mar biex jixtri karozza tat-tip Mercedes SL500 mingħand żewġ negozjanti tal-karozzi, Damien Borg u missieru. Bejn Baldacchino u ż-żewġ negozjanti sar ftehim bil-fomm u l-qbil kien li Baldacchino jtihom żewġ karozzi u fuqhom jagħti żieda ta’ LM35,000 biex jixtri l-Mercedes.
Iżda Borg xehed li Baldacchino qatt ma mar biex jiffirma l-kambjali u ma żammx il-ftehim għaliex kull ma ħallas liż-żewġ negozjanti kien LM1,000 b’ċekk.
Fl-awla tal-Qorti Borg xehed li kien lemaħ il-Mercedes li l-ħlas tagħha ma sarx ipparkjata fl-Imġarr u minkejja li l-kambjali ma kienux saru, l-karozza kellha liċenzja mħallsa.
Borg spjega li l-liċenzja kienet imħallsa minkejja li l-log book tal-karozza kien għadu għandu hekk kif it-trasferiment kien se jsir biss ladarba l-ħlas isir kollu. Għalhekk, Borg mar għand il-Pulizija.
Wara li sar ir-rapport u saret l-investigazzjoni rriżulta li l-karozza li Baldacchino xtara kienet għaddiet għand terzi permezz ta’ log book ieħor. Log-book li fuqu kien hemm il-firma ta’ Damien Borg li biegħ il-karozza lil Baldacchino, firma li tagħti kunsens għat-trasferiment.
Għalhekk, espert tal-Qorti kkonkluda li l-firma li saret fuq dan il-log book kienet firma iffalsifikata ta’ Borg.
Fl-awla tal-Qorti xehed ukoll l-iskrivan tal-ADT li spjega li t-trasferiment kien sar mingħajr affidavit għax lill-aġent tal-assigurazzjoni li mar għal-logbook kien wieħed ta’ fiduċja. Iżda meta talab lill-aġent biex iġiblu l-affidavit iffirmat mingħand Borg, qatt ma ġabulu.
Il-Qorti kkonkludiet li ma kienx hemm biżejjed provi kontra Baldacchino u kontra l-aġent tal-assigurazzjoni. Il-Qorti rrimarkat ukoll li minkejja li l-firma ta’ Borg kienet ġiet ifalsifikata, mhux magħruf min iffalsifikaha.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li Baldacchino kellu jkun ċert li l-firma fuq il-logbook li nħareġ mill-ADT fl-2004 huma ġenwini. Għalhekk, huwa ġie ikkundannat sena u nofs ħabs sospiżi għal tliet snin u kien ordnat iħallas lil Borg €70,000 fi żmien sitt xhur.