Żagħżugħ li fl-elfejn u sbatax baqa’ dieħel f’trailer bil-karozza ta’ sieħbu, ġie ordnat iħallsu tnejn u sittin elf ewro. Dan hekk kif fil-Qorti nstema’ kif sid il-karozza, sofra minn trawma kbira meta ra l-vettura tiegħu fl-istat li kienet wara l-ħabta.
Fil-kawża quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff, instema’ kif iż-żewġ żgħażagħ kienu ma’ xi ħbieb tagħhom f’Ħal Far, meta sieħeb is-sid tal-karozza staqsa lis-sid biex isuqlu l-karozza tiegħu.
Kien hawn li baqa’ dieħel fi trailer li kien hemm fil-ġenb tat-triq.
Il-ġenituri tal-vittma fetħet il-kawża kontra sieħeb is-sid tal-karozza, hekk kif stqarru li binhom sofra trawma kbira wara li ra l-karozza mfarrka, li kienet tant għal qalbu.
Il-vittma tant ħassu trawmatizzat, li psikjatra li ra lis-sid tal-karozza kkalkula li huwa sofra diżabilità permanenti ta’ għoxrin fil-mija wara l-inċident.
Il-Qorti laqgħet it-talba tal-familja tas-sid tal-karozza, u ordnat lil sieħeb il-vittma jħallas tnejn u sittin elf ewro lill-vittma u sitta u għoxrin elf ewro lill-ġenituri tiegħu, hekk kif il-karozza kienet irreġistrata fuqhom.