Gianluca Vassallo, ta’ 27 sena, se jkun qed jingħata kumpens ta’ €34,872.07 wara li l-Qorti ordnat li jiġi kkumpensat għad-danni
Żagħżugħ ta’ 23 sena ġie ordnat iħallas kumpens ta’ €34,872.07 lil żagħżugħ ieħor wara li l-Qorti żammitu responsabbli li kkawża inċident li fih il-vittma sofra diżabbiltà permanenti.
Kien lura fis-16 ta’ Awwissu tal-2014 li fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu seħħ impatt head-on bejn żewġ vetturi fi Triq Jean Houel fin-Naxxar. Il-vittma, Gianluca Vassallo ta’ 27 sena spiċċa qatta’ erbat ijiem fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u kien fil-periklu tal-mewt fejn kawża tal-inċident sofra 8% diżabbiltà permanenti. Kien għalekk li Vassallo fetaħ kawża fil-Qorti Ċivili fejn talab għal kumpens fejn argumenta li apparti li sofra diżabbiltà permanenti spiċċa tilef l-impjieg li kellu.
Il-Qorti semgħet kif dakinhar li seħħ l-inċident Samuel Mamo, li dak iż-żmien kellu 19-il sena, kien qed jirritorna lura minn lejla Paceville wara li ħa ċ-ċavetta tal-karozza ta’ ommu fejn minflok għafas il-brake spiċċa għafas il-gass bil-konsegwenza li baqa’ dieħel head-on fil-vettura ta’ Vassallo.
Vassallo, li kien qed jirritorna lura minn avveniment tal-iscouts tas-subien tal-Ħamrun, spiċċa maqbud fil-vettura tiegħu fejn kellu jinħareġ mid-Diaprtiment tal-Protezzjoni Ċivili – bil-karozza tispiċċa ddikjarata bħala ‘total loss’.
Fil-Qorti ġie nnutat kif il-ħsara fil-vetturi hu riżultat ta’ veloċità eċċessiva min-naħa ta’ Mamo bl-Imħallef Lawrence Mintoff qal li r-responsabbiltà ta’ dan l-inċident hi ta’ Mamo.
Il-Maġistrat ordna lil Mamo biex jikkumpensa lill-vittma għad-danni kollha – fosthom it-8% diżabbiltà permanenti.