Sid ta’ wieħed mill-akbar jottijiet fid-dinja ġie ordnat iħallas lil kumpanija tat-tiswija u manutenzjoni fis-settur marittimu. Fil-Prim Awla Ċivili, quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff, Vijay Mallya, miljunarju Indjan ġie ordnat li jħallas ftit aktar minn sitt mija u ħamsin elf ewro, flimkien mal-interessi li akkumulaw wara li naqas li jħallas għax-xogħol li sarlu fuq il-jott.
Is-sid tal-jott Indian Empress qed jaffaċja wkoll talba m’għand il-membri tal-ekwipaġġ li sostnew li għandhom jieħdu mal-miljun dollaru fi flus wara li ilhom sa minn Settembru ma jirċievu paga.
L-Indjan kien sid ta’ linja tal-ajru u anki tim tal-Formula 1 iżda wħud mill-kumpaniji li kellu fallew.
Huwa kien ħarab minn pajjiżu wara li kien hemm għadd ta’ kredituri qed jiġru warajh.