Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, flimkien mal-Arċipriet u l-kleru tal-parroċċa, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, se jippreżentaw l-ewwel eżekuzzjoni tal-oratorju ‘Filippu t’Aġġira’, b’lirika bil-Malti tal-poeta Żebbuġi l-Kavallier Dr Philip Ellul u b’mużika tal-kompożitur Għawdxi Mro Antoine Mercieca.
L-eżekuzzjoni tal-oratorju, l-ewwel wieħed dwar San Filep li nkiteb għall-orkestra u mhux għall-banda, se ssir fil-Knisja Arċipretali ta’ San Filep t’Aġġira f’Ħaż-Żebbuġ nhar il-Ġimgħa li ġej, 17 ta’ Novembru, fit-8.00 p.m.
Fih se jieħdu sehem it-tenur Charles Vincenti, is-sopran Rosabelle Bianchi, il-baritonu Louis Andrew Cassar, il-Kor Attar, immexxi minn Mario Attard, flimkien mal-Orkestra Santa Ċeċilja taħt id-direzzjoni tal-kompożitur innifsu, Mro Antoine Mercieca.
L-oratorju qed jittella’ taħt il-patroċinju tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, Owen Bonnici.
Id-dħul għal dan l-oratorju se jkun mingħajr ħlas u kulħadd mistieden ikun f’postu fil-Knisja fis-7.30 p.m.