L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (“MFSA” jew “l-Awtorità”) ġiet infurmata b’emails, li jidhru li huma emails qarrieqa, immirati lejn persuni f’Malta. Individwu, bl-isem ta’ Sur Andrew Yaku u li jiddikjara li jaħdem fl-industrija tas-servizzi finanzjarji barra minn Malta, qed jikkuntattja lil klijenti prospettivi permezz tal-email, fejn jiddikjara li jirrapreżenta klijent bi profil għoli “who has some funds he wants to invest outside his home country. There is need to move the funds out from the present location through bank using an individual who can invest it in a lucrative business venture.”
L-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji tixtieq li twissi lill-pubbliku biex ma jirrispondix għal tali emails, u biex iżomm lura milli jipprovdi dettalji personali minħabba li informazzjoni li għandha l-MFSA tissuġġerixxi li dawn l-emails x’aktarx li huma parti minn skema ta’ natura dubjuża b’riskju għoli ta’ telf ta’ flus. Barra minn dan, il-pubbliku għalhekk għandu jżomm lura milli jidħol f’xi negozju jew transazzjonijiet mal-individwu msemmi hawn fuq.
L-MFSA tirrakkomanda bil-qawwa lill-investituri u lill-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji li qabel ma jagħmlu kwalunkwe investiment jew jidħlu f’xi tranżazzjoni ta’ servizzi finanzjarji għandhom ikunu żguri li l-entità li magħha qed jagħmlu l-investiment jew is-servizz hija awtorizzata li tipprovdi dawn is-servizzi mill-MFSA jew minn xi awtorità regolatorja oħra ta’ servizzi finanzjarji, kif japplika.
Għal aktar informazzjoni dwar emails qarrieqa jekk jogħġbok irreferi għal-Linji Gwida dwar id-Detezzjoni ta’ Qerq maħruġa mill-MFSA fuq https://www.mfsa.mt/consumers/scams-warnings/typical-scams/. Jekk inti vittma ta’ xi attività finanzjarja qarrieqa jew taħseb li jista’ jkun qed titratta ma’ entità mhux awtorizzata, l-ewwelnett waqqaf minnufih kull transazzjoni mal-kumpanija u kkuntattja lill-MFSA fuq https://www.mfsa.mt/about-us/contact/ hekk kif ikollok l-anqas suspett.