“Gvern Laburista jaħdem għal soċjetà fejn kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni jkun kontabbli ta’ għemilu, imma jaħdem ukoll favur sistema li tkun konformi mad-drittijiet tal-bniedem.” Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija, b’reazzjoni għal dak li qal il-Partit Nazzjonalista fuq kif, skontu, il-ġlieda kontra l-kriminalità qed tidgħajjef.
Il-Partit Laburista qal li dan il-Gvern qed isaħħaħ l-għodod leġiżlattivi biex tiġi miġġielda l-kriminalità, mhux bħal ħaddieħor li minflok qed jattakka l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Intqal li r-riforma fil-liġijiet marbuta mar-rikavat mill-kriminalità ssegwi diversi sentenzi, inkluż mill-Qorti Kostituzzjonali u anke dik kriminali. Anke l-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem uriet kemm il-bidla hi meħtieġa.
L-istqarrija sostniet li l-Parit Nazzjonalista qed jipprova jkun żleali u skorrett bil-għan malizzjuż li jimbotta aġenda qarrieqa. “Kull reat se jibqa’ reat, kull piena stabbilità se tibqa’ l-istess, inkluż dik marbuta ma’ korruzzjoni. Għal kontra ta’ dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni,” temmet tgħid l-istqarrija.